Stqarrija tal-Pulizija qalet li ż-żewġ persuni li ndarbu b’mod gravi lbieraħ filgħaxija f’Wied il-Għajn, aktarx b’arma bil-ponta, huma t-tnejn Taljani wieħed ta’ 52 sena u l-ieħor ta’ 37 sena.
Kif żvelat minn ONE News jirriżulta li nqala’ argument ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6:30, fi Triq is-Sikka f’Wied il-Għajn.
Fi stqarrija dalgħodu mill-Pulizija ngħad li żewġ persuni oħrajn ħarbu minn fuq post. Hu mifhum li t-tfittxija għalihom għadha għaddejja.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News minn fuq il-post tar-reat, jirriżulta li fl-argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Xhieda ta’ dan kien ħafna demm mal-art anke fuq barra tar-residenza fejn seħħ il-każ.
Minn tagħrif li għandu one.com.mt, aktarx li l-każ hu marbut mad-droga u attività kriminali.
Fl-istqarrija il-Pulizija dalgħodu qalet li ż-żewġ Taljani ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech, li ħatret inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
AQRA WKOLL: