Il-Presidenza Maltija rċeviet ħafna kummenti pożittivi dan għaliex kienet Presidenza effettiva li fl-aħħar sigħat tagħha wkoll għadha qed tikseb iktar suċċess.
Dan hekk kif tard l-Erbgħa filgħaxija ntlaħaq ftehim preliminari fuq il-produzzjoni organika fl-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ dan il-ftehim se jiddaħħlu regoli iktar moderni u uniformi fl-Unjoni Ewropea, bil-għan li jkun mħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika u kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u l-operaturi.
Il-ftehim preliminari huwa sinifikanti fid-dawl li ilhom għaddejjin in-negozjati fuqu għal tliet snin, kif spjega d-Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Neil Kerr.
“Kienu diskussjonijiet relattivament diffiċli għax kien hemm madwar sitt Presidenza li ħadmu fuq din il-proposta. Kien hemm mumenti tul il-Presidenza Maltija li ħsibna li mhux se naslu, iżda bid-determinazzjoni flimkien mal-Parlament Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għamilna dak kollu li stajna biex dan il-ftehim jintlaħaq.”
L-art użata għall-agrikoltura organika kibret b’iktar mid-doppju fl-aħħar deċennju. Minkejja dan, il-qafas leġiżlattiv ma żammx ruħu aġġornat b’din l-espansjoni u għadu jinkludi prattiċi u derogi differenti.
Ftehim ieħor milħuq l-Erbgħa filgħaxija kien dwar is-sustanzi li jqabbdu l-kanċer u li għalihom ikunu esposti l-ħaddiema. Ftehim li se jwassal biex ikun hemm limitu fuq din l-espożizzjoni u anke jirrifletti l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija.
“Kienet waħda mill-proposti li konna qed niffokkaw fuqhom bħala prijorità tal-Presidenza tagħna, fejn konna qed niffokkaw fuq id-dimensjoni soċjali. Dan il-ftehim se jkun qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna u anke se tipprevjeni numru ta’ mwiet konsiderevoli fis-snin li ġejjin. Dan juri kemm bqajna naħdmu sal-aħħar biex niżguraw li nilħqu dak li kkommettejna li nilħqu,” temm jgħid Kerr.