Żewġ subien ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ammettew li serqu karozza mill-Ħamrun.
Ibrahim Alfreh ta’ 18-il sena li joqgħod Santa Venera u żagħżugħ ta’ 15-il sena li jgħix Ħal Qormi, it-tnejn mis-Sirja ġew mixlija li l-Ħadd li għadda nqabdu fil-fatt jisirqu Volkswagen Polo.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ian Vella, spjegat li waqt li l-Ħadd filgħaxija l-pulizja bdiet tagħmel ir-rondi tagħha fl-inħawi tal-Ħamrun u xħin saqu minn Triq il-Kbira nnutaw karozza li bdiet tinstaq bid-dawl ta’ quddiem mitfi u għalhekk waqfuha.
Dak il-ħin il-Pulizija ċemplu lil sid il-karozza u qallhom li l-karozza insterqet minn quddiem id-dar tiegħu.
Ftit tal-ħin wara iż-żewġ subien ġew arrestati.
Alfreh ġie akkużat ukoll li saq il-karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u li fil-pussess tiegħu kellu sikkina.
L-avukati tal-għajnuna legali talbu li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, laqgħet din it-talba u tat lis-subien il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu personali ta’ €4,500.