Żewġ studenti Franċiżi li jinsabu f’pajjiżna jistudjaw l-ingliż, ammettew li wettqu ħsara fi blokka appartamenti ta’ familja Maltija li kienu qed jgħixu fiha.
Anna Laguibre ta’ 24 sena u Tarkan Deffrasnet ta’ 23 sena tressqu l-Qorti t-Tlieta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużati li kkawżaw ħsara li tammonta għal aktar minn €4,500 f’lift fl-istess blokka li fiha kienet tgħix il-familja Maltija.
Il-Qorti semgħet kif din il-familja f’Ta’ Xbiex kienet it-tieni familja li ġiet mitluba sabiex tipprovdi saqaf fuq ras l-imputati mill-iskola tal-Ingliż wara li kienu diġà ġew fl-inkwiet mal-ewwel familja li għexu magħhom.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur George Frendo spjegat kif l-imputati nqabdu f’filmati minn kameras tas-sigurtà jagħmlu din il-ħsara wara li allegatament qabżitilhom jistennew lis-sid tal-blokka jasal. Ġie spjegat ukoll kif wettqu ħsara fil-bieb ta’ quddiem tal-blokka.
Wara li l-Avukat tad-Difiża Daniel Attard tenna li l-imputati kienu se jammettu għall-akkużi kriminali ta’ ħsara, il-Qorti sabithom ħatja u kkundannathom b’sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal 4 snin. Hija ordnat ukoll li l-imputati jagħmlu tajjeb finanzjarjament għall-ħsara kollha li għamlu fi żmien 48 siegħa.
Fil-fatt, hawn il-Maġistrat tenniet li jekk ma jħallsux fiż-żmien stipulat tiskatta minnufih is-sentenza sospiża.