Fil-gazzetti tal-Ħadd kienu ppubblikati żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li t-tnejn poġġew lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista fuq quddiem mal-elettorat. Dawn kienu ppubblikati fil-maltatoday u f’The Malta Indepdent.
Stħarriġ ieħor tal-maltatoday ta l-istess riżultat ta’ dawk ta’ qablu. Li jfisser li l-Prim Ministru baqa’ iktar fdat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u li kieku kellha ssir elezzjoni l-maġġoranza tal-Maltin jagħżlu li jivvotaw il-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru żamm il-fiduċja ta’ 40% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ, bil-Kap tal-Oppożizzjoni żamm ir-rata ta’ 33% biex hekk il-Prim Ministru qed igawdi vantaġġ ta’ madwar 7%. Jirriżulta li l-Prim Ministru baqa’ wkoll l-iktar fdat fost dawk magħrufa bħala ‘switchers’ kategorija li magħha l-Kap tal-Oppożizzjoni ħa daqqa lura.
L-istħarriġ jgħid ukoll li l-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ 3.5% fuq il-Partit Nazzjonalista. Żieda mit-2.7% vantaġġ li kellu f’Settembru.
Intant, l-aħbar ewlenija ta’ The Malta Independent on Sunday kienet dik li jekk issir elezzjoni għada jerġa’ jirbaħ il-Partit Laburista b’saħħa kbira. F’dan il-każ tneħħew id-dubjużi u dawk li qalu li mhux se jivvotaw u ħareġ riżultat finali ta’ dawk li għandhom l-intenzjoni tagħhom ċara. Filwaqt li fil-kejl dwar il-fiduċja fil-mexxejja, li jsir differenti minn tal-maltatoday, il-Prim Ministru saħansitra għandu vantaġġ ta’ 16.6% fuq Busuttil.