Żewġ spetturi ta’ JobsPlus qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista jinsabu f’nofs l-investigazzjoni, li ssemmiet mill-Ministru Chris Cardona fil-Parlament ilbieraħtlula, dwar allegata vendikazzjoni li twettqet ma’ sid ta’ ħanut fis-Swieqi wara li dan laqa’ lil Simon Busuttil bil-kumment li llum żgur ma tistax tilmenta dwar in-negozju fil-pajjiż.
L-Orizzont tirrapporta li waqt li ġimgħa ilu l-Kap tal-PN kien qed idur il-ħwienet jippreżentalhom il-proposta li tissuġġerixxi tnaqqis fit-taxxa fuq il-qligħ għan-negozji żgħar, in-negozjant qallu bla tlaqliq li hu m’għandux għax igerger u ssuġġerilu li ma jibqax ikun negattiv f’dan ir-rigward. L-ORIZZONT informat li l-għada stess Pierre Farrugia, Kunsillier tal-PN fiż-Żurrieq, u raġel ieħor, it-tnejn spetturi ma’ JobsPlus, marru f’dan il-ħanut partikolari meta lanqas kellhom ikunu fil-lokal.
Dakinhar huma kienu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet f’siti li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ ħwienet tal-merċa, kif inhu dan il-ħanut fis-Swieqi. Għaldaqstant qed jiġu akkużati li ħarġu minn triqithom u xogħolhom biex jagħmlu l-allegata vendikazzjoni f’isem il-PN.
Ħajr lill-Orizzont
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/12/front.pdf”]