Żewġ Somali ta’ ħamsa u għoxrin sena u disgħa u għoxrin sena rispettivament, ingħataw sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja li serqu xi oġġetti u għexu ħajja ta’ għażż.
Huma ġew mixlija li fit-tmienja ta’ Frar tal-elfejn u għoxrin serqu mobile, arloġġ tal-idejn u flus li jammontaw għal iktar minn tlett elef ewro u anke li weġġgħu ħafif lir-raġel li mingħandu serqu l-oġġetti.
Wieħed mis-Somali kien mixli wkoll li huwa riċediv u wettaq reat f’perjodu ta’ sentenza sospiża b’rabta ma’ każ ieħor.
Il-vittma xehed kif meta kien Paceville fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, marru fuqu tliet persuni u bdew ikellmuh bl-Ingliż. Hawnhekk il-vittma ħareġ il-mobile biex jipprova jittraduċi dak li kienu qed jgħidulu, iżda wieħed minnhom ħatafulu.
Kien hawn li tliet persuni, bis-sinjali, bdew juruh biex jiimxi magħhom, u meta wassluh talbuh il-flus, b’wieħed mis-Somali jaħtfu minn għonqu u l-ieħor jisraqlu l-arloġġ. Il-vittma spjega li t-tielet raġel m’għamel xejn.
Is-Somalu ta’ ħamsa u għoxrin sena ġie kkundannat tmintax-il xahar ħabs, u l-ieħor weħel xahar ħabs.