Mohamoud Afi Abdiwali ta’ 25 sena u Abdulkadir Ahmed Mohammed ta’ 41 sena, inżammu arrestati wara li fil-Qorti wieġbu mhux ħatja li ħebbew għal Akhil George u serqu minn fuqu.
L-imputati, it-tnejn li huma mis-Somalja u m’għandhomx indirizz fiss f’pajjiżna, ġew mixlija li fis-sigħat bikrin tal-għaxra ta’ Jannar, wettqu serqa minn fuq persuna fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa.
Huma ġew mixlija wkoll li żammew lir-raġel kontra r-rieda tiegħu u li weġġgħuh ħafif, kif kien iċċertifikat l-allegat vittma aktar tard.
Ahmed Mohammed kien mixli wkoll li huwa riċediv.
L-akkużat irrifjuta l-assistenza pprovduta mill-Avukat tal-Għajnuna Legali. Minkejja dan, il-Qorti xorta pprovdiet din l-għajnuna legali biex tkun assigurata l-korrettezza tal-proċedura fil-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma, Akhil George, li huwa Indjan, qala’ daqqiet b’martell waqt li kien qiegħed fuq stazzjon tal-linja. Għaldaqstant, il-Pulizija ġabet filmati minn kameras tas-sigurtà.
Il-Prosekuzzjoni stqarret kif iż-żewġ imputati nstabu sigħat wara r-reat lebsin l-istess ħwejjeġ. Intqal kif waqt ix-xhieda tagħhom lill-Pulizija, huma qalu li kienu fuq il-post meta seħħ ir-reat u li ħarbu minħabba li qamet kommossjoni fuq il-post.
L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, filwaqt li d-Difiża ta’ Afi Abdiwali ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Ahmed Mohammed talab għall-ħelsien mill-arrest minkejja li ma riedx jikkomunika mal-avukat.
Minkejja dan, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ma onoratx din it-talba fid-dawl li l-imputati m’għandhomx rabta ma’ pajjiżna u nżammu taħt arrest.