Żewġ solar farms li jinkludu elfejn, tmien mija u wieħed u sebgħin pannella, se jiġġeneraw żewġ miljun kilowatt fis-sena.
Waqt żjara li għamlet f’dawn is-solar farms f’Ta’ Ċenċ, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat li l-elettriku li se jiġi ġġenerat mix-xemx, se jkun ekwivalenti għal dak użat minn madwar ħames mitt residenza f’sena.
Spjegat, “Irridu nkomplu ninċentivaw il-produzzjoni tal-enerġija nadifa u dan huwa settur fejn se naraw li jkollna wkoll sħubija bejn il-privat u anke l-Gvern biex il-viżjoni tagħna li jkollna ekonomija li ma tħammiġx nilħquha flimkien.”
Is-solar farms nbnew fuq ġibjuni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Bejniethom ikopru medda ta’ disat elef, tliet mija u sittin metru kwadru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Ivan Falzon spjega li l-Korporazzjoni qed tisfrutta aħjar ir-riżorsi li diġà għandha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li wettqet dan l-investiment, spjega kif il-kumpanija qed tippjana li tespandi l-operat tagħha f’żoni barra l-faċilitajiet tal-Koporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Qal, “Eventwalment se nkunu qed niftħu dawn il-proġetti ukoll għall-pubbliku inġenerali biex ikun jista’ jinvesti fihom ovjament għal dawk li m’għandhomx bejt id-dar fejn jistgħu jagħmlu l-pannelli tagħhom.”
Qal ukoll li se jiġu mistiedna familji li m’għandomx spazju fejn jinstallaw pannelli biex jixtru porzjon mill-proġetti futuri.