Il-gvern ser ikun qed joħroġ mill-ġdid żewġ skemi biex jgħinu lill-għaqdiet volontarji (VOs) fit-tranżizzjoni tagħhom biex ikunu aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma. Iż-żewġ skemi huma l-iskema tal-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Ilma u l-iskema tal-PVs għall-VOs.
L-iskema tal-PVs għall-VOs se tipprovdi lill-organizzazzjonijiet volontarji b’ sistema ta’ PV u tassisti lill-organizzazzjoni bl-installazzjoni tagħhom. L-iskema l-oħra, li issa tinsab fir-4 sejħa tagħha, se tiffinanzja proġetti li se jissostitwixxu jew jinstallaw tagħmir fil-faċilitajiet tal-VO biex isiru aktar effiċjenti fl-enerġija u fl-ilma.
L-iskemi qed jitnedew mill-ġdid permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Organizzazzjonijiet Volontarji eliġibbli.
L-għan komuni ta’ inizjattivi bħal dawn huwa li jgħinu lil dawn l-organizzazzjonijiet inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom, sussegwentement inaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom u jwasslu għal prattiċi aktar sostenibbli. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-ispejjez tal-operat se jwassal biex dawn l-entitajiet jkunu jistgħu jżidu s-servizzi tagħhom fil-komunità.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli faħħret l-isforzi tal-għaqdiet volontarji, li qed jagħtu sehemhom favur tranżizzjoni sostenibbli. “Ma rridu lil ħadd jaqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn pajjiż aktar sostenibbli, hekk kif ilkoll qed nagħtu sehemna favur l-azzjoni klimatika. Irridu niżguraw li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta. L-għaqdiet volontarji diġà jiffaċċjaw pressjoni finanzjarja biex ikunu jistgħu jmexxu l-operat tagħhom u skemi ta’ appoġġ bħal dawn jgħinu biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif l-għaqdiet volontarji għandhom rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ambjentali ta’ pajjiżna. “Pajjiżna għandu aktar minn 1,800 għaqda volontarja li lkoll kemm huma jistgħu jkunu sħab biex pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali u klimatiċi tiegħu billi jimxu l-mixja tas-sostenibbiltà. Permezz ta’ dak li ħabbarna, dawn l-għaqdiet se jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ miżuri u proġetti li se jgħinhom jikkonservaw aħjar l-ilma u l-enerġija biex mhux biss iħarsu l-element ambjentali iżda jinvestu flushom bl-aħjar mod possibbli favur il-komunità,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
L-Iskema għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Ilma diġa’ għenet aktar minn 40 organizzazzjoni volontarja jwettqu l-proġetti ta’ effiċjenza tagħhom matul dawn l-aħħar sentejn, b’ aktar minn €1 miljun f’ fondi allokati għal din l-iskema biss. Il-benefiċjarji kienu jvarjaw minn assoċjazzjonijiet sportivi, każini tal-banda, u organizzazzjonijiet li jassistu lill-vulnerabbli, bil-proġetti jvarjaw mit-tindif u l-manutenzjoni tal-ġibjuni tal-ilma, il-bdil ta’ sistemi tad-dawl għal dawl LED effiċjenti, inkluż floodlighting f’ faċilitajiet sportivi, tibdil ta’ tagħmir antik tal-kċina u units tal-arja kundizzjonata ineffiċjenti, solar water heaters u pompi tas-sħana tal-ilma.
Fl-ewwel sejħa għall-Iskema PV għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, ġew installati aktar minn 588 pannelli fi 30 installazzjoni differenti, li jkopru 28 Organizzazzjoni Volontarja.
L-applikanti li jintgħażlu se jingħataw 12 jew 24 PV panel biex jiġu installati fil-faċilitajiet tagħhom filwaqt li se tingħata għotja ta’ €5,000 jew €7,500 skont in-numru ta’ pannelli. Din is-somma se tkopri l-ispejjeż tal-istruttura, l-invertor, ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni u l-pariri professjonali.
L-Iskema tal-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Ilma se tiftaħ għall-applikazzjonijiet fit-22 ta’ April, filwaqt li l-iskema PV għall-Organizzazzjonijiet Volontarji se tiftaħ il-ġimgħa ta’ wara, fid-29 ta’ April mis-sit elettroniku tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma. Se ssir sessjoni ta’ informazzjoni għaż-żewġ skemi mal-VOs interessati kollha fit-18 ta’ April.