Il-Ġimgħa filgħodu, fis-sala tal-Imġarr Farmers’ Cooperative Society Ltd., is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura niedew żewġ skemi ġodda mmirati biex jgħinu lis-sajjieda Maltin u Għawdxin ħalli jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom.
Ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, id-Direttur għall-Akkwakultura, Dennis Calleja, qasam aktar tagħrif fuq iż-żewġ skemi u ħeġġeġ lis-sajjieda biex jagħmlu użu mill-fondi allokati ta’ €100,000.
“L-ewwel skema hi proprju mmirata lejn dawk is-sajjieda li għandhom bastimenti tal-injam li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ luzzu, firilla, kajjik, jew frejgatina, fejn aħna min-naħa tagħna se nkunu qed ngħinu fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn il-bastimenti.”
It-tieni skema se tkun qed tara li jiġi pprovdut apparat sostenibbli bħal pingers jew xbieki, li għandhom il-malja aktar minn 33 milimetru ħalli l-ħut iż-żgħir ma jinqabadx kif ukoll ħbula magħmulin mill-qaleb.
“It-tieni skema, li proprju qegħdin inniedu hawnhekk illum, hi mmirata biex tipprovdi apparat u tagħmir li hu meqjus sostenibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli, Alicia Bugeja Said, elenkat li skemi bħal dawn ikomplu jagħtu dawl fuq l-impenn li dan il-Gvern għandu lejn is-sajd u s-sajjieda Maltin u Għawdxin.
“Il-Baġit wera biċ-ċar kemm is-settur tas-sajd hu għal qalbna u, għalhekk, se nibqgħu ninvestu fih. Illum ħabbarna żewġ skemi oħrajn, dik biex ngħinu lis-sajjieda kollha li għandhom id-dgħajjes tal-injam biex anke nkomplu nieħdu ħsieb il-patrimonju Malti fejn jidħol il-luzzu, fejn jidħol il-kajjik. Jiena ma nimmaġinanix ninżel Marsaxlokk u ma narax dak it-tip ta’ dgħajjes. Dawn tista’ tgħid huma mfittxijin ħafna mill-eluf ta’ turisti li anke jżuru pajjiżna. Min-naħa l-oħra, l-iskema l-oħra qed titkellem fuq irkapti ambjentali.”
Dawk kollha li huma eliġibbli jistgħu japplikaw mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura bejn l-20 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru fejn l-applikazzjonijiet se jkunu qed jintlaqgħu f’wieħed mill-uffiċini tal-ħatt tal-ħut f’Malta u Għawdex, kif ukoll fl-uffiċini tad-Dipartiment fl-Għammieri.