Żewġ skejjel primarji f’Birkirkara u ż-Żejtun ikklassifikaw fit-tieni u t-tielet post fid-dinja rispettivament wara skola fl-Ingilterra li l-aktar għamlu użu mill-pjattaforma diġitali J2Webb waqt il-pandemija.
Din il-pjattaforma tippermetti lill-iskejjel iżommu kuntatt kontinwu mal-istudenti tagħhom filwaqt li tagħti post lill-istudenti fejn ikunu jistgħu jesebixxu xogħolhom ma’ sħabhom.
Il-Kap tal-iskola primarja ta’ Birkirkara fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża, Deo Grech qalilna li l-għalliema l-aktar imdaħħlin fl-età kienu fost dawk l-aktar ħerqana biex jitgħallmu din is-sistema l-ġdida.
Is-Sur Grech stqarr, “Ikolli ngħid li l-COVID ma kienitx esperjenza negattiva sal-aħħar. Jien grat ħafna għandi staff ta’ mija u ħamsin ruħ illi dawn kif tajnihom l-ispark, ejja nitilqu għal skola diġitali, ġew magħna totalment bl-amministrazzjoni tal-iskola u tlaqna niġru. Rajt tfal li normalment ibatu daqsxejn fil-klassi mhuwiex l-ambjent tagħhom għax ħallejnihom liberi jesprimu lilhom infushom b’mod indipendenti dat-tfal spikkaw.”
L-assistent Kap tal-Iskola Primaja Żejtun B, Graziella Vassallo Theuma stqarret li permezz ta’ din l-inizzjattiva reġgħet irritornat il-ħajja fil-klassi virtwali.
Is-Sinjura Vassallo Theuma qalet, “Din is-sistema tatna lok biex dak li konna qegħdin nagħmlu ġol-iskola komplejnieh imma komplejnieh b’tali mod fejn lit-tfal trattajnihom ta’ individwi. Mela kull biċċa xogħol li ngħatat lit-tfal huma kienu liberi li jesprimuha, jippubblikawha, juruha kif jixtiequ huma. Bis-saħħa tal-J2E kellna tfal li normalment jaborixxu l-kitba però hawnhekk ippubblikaw ħafna. Filfatt għandi l-iktar wieħed li ppubblika kien l-iktar persuna li jgħidli ‘le jien ma rridx nikteb, jien niddejjaq nikteb’ u ma kienx l-unika wieħed anki tfal b’ċertu bżonnijiet rajnihom li eċċellaw.”
Il-Kap tad-Dipartiment fi ħdan id-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u ħiliet transversali, Tania Gatt tkellmet kif fi ftit ġimgħat l-għalliema flimkien mal-amministrazzjoni tal-iskola tgħallmu sew din is-sistema bil-għan li l-istudenti jingħataw iċ-ċans jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom.
“Dis-sistema toffri lill-istudenti jiżviluppaw il-kompetenzi tas-seklu wieħed u għoxrin fosthom il-kreattività, ħsieb kritiku, kollaborazzjoni. Huma jistgħu jew jiktbu jew isibu stampi onlajn jew joħolqu vidjow, jirrekordjaw lilhom infushom iġifieri fil-verità multiple modalities biex it-tfal joħorġu biċċa xogħol personalizzata skont l-abbiltajiet u l-interessi tagħhom.” Temmet tgħid Gatt.