Bil-għan li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jkun aktar aċċessibbli, il-Gvern iddeċieda li kull xahar ikun hemm ġurnata li fiha żewġ siti storiċi jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku mingħajr ħlas.
Fil-festa pubblika li jmiss, fid-dsatax ta’ Marzu, iż-żewġ siti miftuħa b’xejn se jkunu d-Domus Romana u l-Katakombi fir-Rabat, u l-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt.
B’dan tal-aħħar se joffri opportunità unika lil kull min iżuru hekk kif għall-ewwel darba wara restawr estensiv, se jkun hemm aċċess għall-gallarija.
L-inizjattiva tal-ftuħ ta’ siti storiċi għall-pubbliku b’xejn bdiet bit-tempji ta’ Ħal Tarxien ix-xahar li għadda, meta f’ġurnata żaruhom xejn inqas minn sitt elef persuna.
Ċifra li turi l-għatx għall-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici tkellem dwar dak li se jkun qed jiġri fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp.
F’festa pubblika u long weekend aħna qed nistiednu lill-familji Maltin u Għawdxin kollha li l-ewwel imorru s-siti ta’ Heritage Malta li għandha fir-Rabat: id-Domus Romana u l-Katakombi ta’ San Pawl u filgħaxija jiġu hawnhekk fil-Konkatidral ta’ San Ġwann li ħa jkun miftuħ b’xejn għall-familji Maltin u Għawdxin u ħa jingħataw ukoll l-opportunità jitilgħu f’din il-gallarija storika jkollhom din il-veduta unika u fantastika tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Is-siti fir-Rabat se jkunu miftuħa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar, filwaqt li l-Konkatidral ta’ San Ġwann se jiftaħ mill-erbgħa u nofs ’il quddiem.