Żewġ siti ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Kirkop waslu fl-aħħar fażi tagħhom hekk kif bdew jiġu mgħoddija s-servizzi u jsiru l-‘finishes’. Dan b’investiment totali ta’ €2 miljun li ser isarraf f’saqaf għal 26 familja.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fis-sit ta’ housing soċjali ġdid fi Triq Salvu Sacco Ħal Kirkop.
Huwa spjega kif l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar 40 sena li se jwassal għal 1,700 appartament ta’ housing soċjali ġdid b’investiment ta’ l-fuq minn mija u għaxar miljun ewro.
Stqarr li dan il-progress li qed isir f’siti differenti ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdida tawgura tajjeb sabiex dan il-Gvern ikompli jnaqqas il-lista ta’ stennija li kienet problema għal numru kbir ta’ snin. B’hekk dawn il-proġetti ser isarfu f’iktar soqfa għal fuq ras familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Galdes stqarr, “Dan jikkonferma l-fatt li Gvern Laburista dak li jwiegħed iwettqu. Meta għidna li se nieħdu l-qasam tal-Housing bi prijoritá, hekk bdejna nagħmlu, sibna l-finanzi, l-finanzi ġew ivvutati, illum qed naraw ix-xogħol għaddej f’ħafna mis-siti li kienu hemmhekk għal għexieren ta’ snin jistennew investiment tal-housing.”
Innota kif mill-istħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika li wera li n-numru ta’ familji sidien ta’ darhom kiber b’26.5% fl-aħħar 7 snin. Riżultat li jtina sodisfazzjoni u jserrħilna moħħna li ninsabu fit-triq it-tajba.
Il-Kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay spjega kif qed isir xogħol ukoll sabiex ikun assigurat li kull min għandu akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern qed jagħmlu użu tajjeb minnu u huwa bżonnu.
Is-Sur McKay sostna, “M’hemmx bżonn tindirizza l-‘waiting list’ billi tibni biss stokk ġdid imma anke li tara li stokk eżistenti ma jkunx abbużat. Fosthom li naraw li jkun hemm spezzjonijiet ta’ rutina għallarrieda, sabiex il-persuni li verament għandhom bżonn jieħdu dawn l-appartamenti mhux a skapitu ta’ persuni li jabbużaw minnu. U għalhekk aħna bħala awtoritá llum hemm l-impenn li naraw li kull abbuż li jeżisti f’dan il-qasam ikun indirizzat.”
Stqarr li l-Awtorità se tkun qiegħda tintensifika l-ispezzjonijiet ta’ rutina sabiex jiġi assigurat li l-proprjetajiet tal-Gvern qegħdin jiġu okkupati skond il-liġi.