Kasem Abdulla ta’ 21 sena u Nedal Kanaan ta’ 20 sena, it-tnejn imwielda is-Sirja ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li fid-29 ta’ Awwissu għal ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħaxija kienu involuti fi ġlieda fi Triq Isuard il-Marsa u ikkagunaw feriti b’arma bil-ponta lil numru ta’ persuni. Huwa ġew akkużati wkoll li fl-istess lejl allegatament wettqu serqa ta’ elfejn u erba’ mitt ewro minn residenza fil-Ħamrun.
Waqt is-seduta, l-ispettur Spiridione Zammit irrimarka li kienu ħafna l-persuni involuti fil-ġlieda. Spjega wkoll li dan l-inċident jista’ jkun attentat ta’ tpattija għal ġlieda li saret ftit qabel bejn grupp ta’ Sirjani f’Ħal-Tarxien. Minħabba l-akkużi serji tal-każ, il-fatt li l-akkużati m’għandhomx indirizz fiss u li għad baqa’ li jitkellmu xi xiehda, l-ispettur talab li ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest.
Minkejja li wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrih, il-Maġistrat Audrey Demicoli ċaħdet il-ħelsien mill-arrest filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.