Sirjan ta’ 24 sena u Libjan ta’ 30 sena, li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni u kisi, tressqu l-Qorti akkużati, fost l-oħrajn, li ħatfu xi persuni u serquhom.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, spjegat kif l-ewwel każ seħħ fit-23 ta’ Diċembru li għadda, meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni minn allegat vittma li qal kif l-ewwel ġie avviċinat minn żewġt irġiel u wara ma jiftakar xejn.
Qal li, f’ħin minnhom, sab ruħu f’vann, li fih kien hemm xi persuni u, wara li reġa’ ntilef minn sensih, sab ruħu jitkaxkar fil-Marsa. Hawn ġie spjegat kif il-vittma qal li nsterqulu arloġġ u l-mobile fejn minnu saru xi tranżazzjonijiet minn Revolut, waħda f’pompa tal-petrol, oħra ta’ elf ewro f’Paceville u oħra ta’ elfejn ewro f’Għawdex.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li daħal rapport simili fejn il-vittma kien qed jixrob f’bar f’Paceville avviċinawh dawn iż-żewġt irġiel u l-istess ma jiftakarx x’ġara u ma ġarax. Wara sab ruħu fl-imwarrab f’Pembroke. Ġie spjegat li dawn kienu jtuhom sustanza biex isikruhom u jintilfu minn sensihom.
Fl-akkużi li tressqu bihom is-Sirjani hemm li dawn anke serqu minn 10 persuni differenti fi ġranet differenti.
Iż-żewġ Sirjani ġew arrestati t-Tnejn, wieħed f’Ħal Qormi u l-ieħor f’San Ġiljan.
Fi tfittxija li saret f’karozza, fuq persunthom u fil-kamra tal-lukanda, li kienu fiha, instabu diversi mill-oġġetti misruqa, fosthom arloġġ li jiswa €10,000 u karti tal-identità.
L-avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużati baqgħu jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.