Żewġ Sirjani tpoġġew taħt att ta’ akkuża b’rabta ma’ akkużi marbuta mat-terroriżmu wara digriet tal-Qorti li nnota kif fil-fatt, hemm lok li l-każ jinstema’.
L-akkużati huma Farhan Mohammed Sheikh ta’ 29 sena u Abdullah Aliwi ta’ 23 sena li qegħdin jiġu mixlija li ppromovew jew inċitaw atti ta’ terroriżmu, ingaġġ ta’ persuni biex isiru dawn l-atti jew biex jivvjaġġaw għal taħriġ b’rabta mat-terroriżmu fosthom bl-użu ta’ splussiv jew armi tan-nar, fost l-oħrajn.
Id-difiża kienet argumentat li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex iż-żewġ Sirjani jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Madanakollu, l-Maġistrat Marseanne Farrugia ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni f’digriet li kitbet b’rabta mal-każ.
Fid-digriet intqal kif fil-fatt, kien hemm biżżejjed evidenza biex il-każ ikun jista’ jipproċedi u b’hekk bgħatet l-atti lill-Avukat Ġenerali biex jiddeċiedi kif se jipproċedi.