Żewġ Sirjani, Saoud Mahmoud u Naief Mahmoud, baqgħu jinżammu arrestati wara li ġew mixlija li weġġgħu pulizija, li mar biex iferraq ġlieda fil-Ħamrun. Fil-Qorti nstema’ li wieħed mill-akkużati allegatament gidem lil surġent.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, qalet li l-akkużati kienu involuti fi ġlieda, li fiha l-pulizija arrestat b’kollox ħames persuni.
Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u talbu għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.