Żewġt irġiel Sirjani, wieħed ta’ 37 sena minn Tal-Pietà u ta’ 29 sena li jgħix Birkirkara, inżammu taħt arrest wara li tressqu l-Qorti, bi ħruq ta’ tliett vetturi f’Għajnsielem, f’Għawdex.
L-inċident seħħ nhar il-Ħamis għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ filgħodu, il-Pulizija kienet ġiet infurmata bil-ħruq ta’ żewġ vetturi.
Kawża t’hekk, vettura li kienet ipparkjata viċin tagħhom ġarbet ukoll xi ħsarat.
Il-Pulizija minnufih bdew bl-investigazzjonijiet intensivi li wasslu biex ġew identifikati iż-żewġ allegati persuni li taw in-nar.
L-irġiel tressqu taħt arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech akkużati bil-ħruq tal-vetturi, ħsara volontarja, kisru l-bon-ordni u l-mistrieħ tan-nies bi ħsejjes jew għajjat.
Huma wieġbu ħatja għal dawn l-akkużi miġjuba kontrihom.