Żewġt irġiel ta’ 23 sena, Mahmoud Farhoud u Mohamed Alkert, it-tnejn Sirjani, li jgħixu f’Ħal Qormi u Santa Venera rispettivament, ġew akkużati li taw in-nar lil karozza fi Vjal l-Independenza fil-Mosta.
Minbarra hekk, it-tnejn ġ akkużat li saq mingħajr liċenzja u li kisru pleġġ impost fuqhom mill-Qorti Kriminali. Farhoud kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma illegali. Huma ċaħdu l-akkużi.
Fl-investigazzjonijiet tagħhom, il-Pulizija ġabru madwar 80 filmat tas-CCTV minn fuq il-post, li minnhom ikkonkludew li l-vettura kienet ingħatat in-nar minn żewġt irġiel, li kienu waslu l-Mosta fuq mutur. Wara dan, marru Ħal Qormi fejn ħallew il-mutur u daħlu f’Vitz, li rriżulta li kienet tas-sieħba ta’ Farhoud.
Il-Pulizija arrestaw lil Farhoud waqt li mar jiffirma fl-għassa, waqt li Alkert ġie arrestat fir-residenza tiegħu.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet għall-ħelsien tagħhom u baqgħu miżmumin arrestati.