Tliet Sirjani tressqu l-Qorti b’rabta ma’ inkjesta maġisterjali marbuta ma’ tixtrid ta’ materjal estremista, li kienet ingħalqet hekk kif tressqu seba’ persuni dwarha, iżda reġgħet infetħet mill-ġdid fid-dawl ta’ investigazzjonijiet ulterjuri.
Farhan Mohammed Sheikh ta’ 29 sena, residenti l-Ħamrun, u Abdullah Aliwi ta’ 23 sena, li m’għandux indirizz fis, iżda qiegħed joqgħod f’Raħal Ġdid, inżammu arrestati wara li ġew akkużati li f’April ta’ din is-sena b’rabta ma’ attivitajiet relatati ma’ materjal estremista.
Huma ġew akkużati wkoll, fost l-oħrajn, li assoċjaw rwieħhom ma’ xi persuni bil-għan li jagħmlu delitt, li xewxu jew assistew f’xi reat u organizzaw jew iffinanzjaw reati kriminali.
Filwaqt li l-arrest tagħhom ma kienx ikkontestat mid-difiża, din tal-aħħar għamlet talba għall-ħelsiem mill-arrest, liema talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba n-natura tal-akkużi li huma marbutin ma’ atti terroristiċi.
Fid-dawl ta’ dan, wara li semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ naħat, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ma laqgħetx it-talba tad-difiża hekk kif innotat li n-natura tal-każ hi waħda serja u għax hemm riskju li l-akkużati jwettqu reati ulterjuri. Il-Qorti ordnat ukoll biex l-assi tal-imputati jiġu ffriżati.
Sadanittant, b’rabta mal-istess investigazzjoni, tressaq ukoll Ebrahem Ahmad, Sirjan ieħor ta’ 35 sena, residenti f’Tal-Pietà, li nħeles mill-arrest. Dan tal-aħħar ġie akkużat b’ħasil ta’ flus, fost l-oħrajn, b’rabta ma’ istituzzjoni finanzjarja li kellu u li ma kinitx liċenzjata.
Fil-konfront tiegħu, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mid-difiża taħt diversi kundizzjonijiet. Fost l-oħrajn, l-imputat irid ikun id-dar bejn il-ħdax ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu, filwaqt li ġie ordnat jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Ħamrun.
Din it-talba ġiet onorata b’depożitu ta’ erbgħin elf ewro u garanzija personali ta’ tmenin elf ewro. L-assi tal-imputat se jiġu ffriżati fuq ordni tal-Qorti.