B’din l-iskema se nkunu qed nippreservaw l-karatteristiċi tal-djar Maltin u Għawdxin.
Dan is-sentiment qasmuh magħna żewġ sindki wara li ftit jiem ilu ġiet imnedija r-raba’ edizzjoni tal-iskema ‘Irrestawra Darek’ b’allokazzjoni ta’ €5 miljun mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Permezz ta’ din l-iskema, sidien ta’ proprjetajiet antiki għal darb’oħra se jingħataw iċ-ċans li jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom, b’riżultat li anke jiġu protetti l-qalba tal-ibliet u rħula f’pajjiżna.
Residenti li għandhom il-proprjetà tagħhom li taqa’ f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA) jew hija skedata bħala fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad, jistgħu jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom u jirċievu rifużjoni sħiħa. Dan għal xogħlijiet li jsiru sa massimu ta’ €11,000 f’żoni UCA u sa massimu ta’ €16,000 għal residenzi skedati fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad.
Din ir-rifużjoni se tinkludi wkoll sa €800 għal ħlasijiet għal servizzi professjonali, fosthom spejjeż ta’ periti u €200 għall-ħlas ta’ permessi tal-Kunsilli Lokali.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, iddeskriva din l-inċentiva bħala waħda pożittiva ferm li biha diversi lokalitajiet fosthom is-Siġġiewi li hija mdawra b’ammont sostanzjali ta’ djar antiki, jistgħu jiġu rrinovati kif xieraq.
“Mingħajr dubju hija skema li minnha llum qed naraw ħafna frott anka f’lokalitajiet fosthom il-lokalità li nirrappreżenta jien is-Siġġiewi fejn saru ħafna interventi permezz tal-iffinanzjament ta’ din l-iskema fejn b’mod speċjali postijiet fejn huma dawk iż-żoni li huma ċentrali fil-lokalità mhux biss għas-Siġġiewi imma wkoll lokalitajiet oħra qed naraw anka preservazzjoni ta’ ħafna bini arkitettoniku li jmur lura ħafna snin u permezz grazzi wkoll għall-din l-iskema li qed jagħti l-Gvern qegħdin propju jirrestawraw dan il-faċċati.”
Min-naħa tagħha, is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela spjegat kif terz tad-djar fiż-Żejtun jistgħu japplikaw għal din l-iskema u b’hekk dan l-investiment huwa bżonnjuż biex tkompli tiġi ppreservata l-identità Maltija.
“Iż-Żejtun huwa raħal antik, belt antika anzi fejn għandna żona sostanzjali bħala UCA. Hawn iktar minn terz tal-area mibnija taż-Żejtun. Għaldaqstant l-impatt ta’ din l-iskema se jkun pożittiv ħafna. Hija skema tajba għal dawk is-sidien tad-djar li għandhom id-dar jew skedat jew tinsab f’dawn iż-żoni tal-UCA. Għaldaqstant permezz ta’ dan l-inċentiv tħajjar aktar koppji jirranġaw id-djar tagħhom u jsebbħu u jżidu mal-karattersitika Maltija u l-identità tagħna l-Maltin.”
Is-sottomissjonijiet għal din l-iskema se jibdew mit-30 ta’ Mejju u jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju għar-residenzi f’żoni UCA, filwaqt li għal proprjetajiet skedati, s-sottomissjonijiet se jintlaqgħu bejn it-Tlieta, 6 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Lulju.