Sewwieq ta’ mutur ta’ 40 sena mill-Imqabba u sewwieq ieħor ta’ 31 sena minn Ħal Qormi ttieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq is-Salini, Naxxar.
L-inċident seħħ il-Ħadd filgħodu għall-ħabta tad-9:30 u kienu involuti tliet muturi u karozza.
ONE NEWS jinsab infurmat li li l-inċident seħħ wara li mutur minnhom skiddja u kellu impatt mal-bqija tal-vetturi oħra.
Iż-żewġ irġiel ittieħdu l-isptar b’ambulanza fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji filwaqt li l-ieħor weġġa’ ħafif.
Barra minn hekk, raġel ieħor ta’ 29 sena minn San Pawl il-Baħar li kien qed isuq it-tielet mutur u Ġermaniża ta’ 27 sena li kienet qed issuq il-karozza, ma weġġgħux f’dan l-inċident.
Il-parti tat-triq fejn seħħ l-inċident ingħalqet għal xi ħin bit-traffiku kellu jgħaddi minn triq biswit.
B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud.