L-ibħra kalmi, f’għodwa sabiħa raw żewġ ajruplani tal-baħar jew kif magħrufin, seaplanes iduru u jagħtu spettaklu fil-Port il-Kbir f’attivita ma’ waħda mill-eqdem skejjel ta’ taħriġ fid-dinja f’dan il-qasam, l-Aero Club Como.
Fil-fatt, kienu l-Malta Seaplanes Association il-moħħ ewlieni wara l-avveniment Como-Malta rally, bil-għan li biex jerġgħu iqajmu din l-industrija b’potenzjal li kapaċi tiġbed lejn pajjiżna turiżmu ta’ livell. L-istorja ta’ Malta u dawn l-ajruplani tmur lura ‘l fuq minn mitt sena, tant li l-ewwel forma ta’ ajruplan li qatt tar fuq pajjiżna kien propju ta’ dan it-tip.
Johnathan Galea, organiżżatur kif ukoll pilota Malti li ilu snin jtajjar dawn l-ajruplani f’Como, spejga li s-sewqan tagħhom jirrikjedi għadd ta’ sfidi speċjalment mal-elementi tal-maltemp. F’din l-attivita, kien hemm preżenti, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li saħaq dwar kemm huwa importanti li l-pajjiż ikompli jinvesti fl-industrija tal-avjazzjoni billi jġib fuq quddiem nett niċeċ ġodda kif ukoll dawk tradizzjonali lura bħal ajruplani tal-baħar.