Żewġ Rumeni tressqu l-Qorti akkużati li waħlu kameras ma’ ATMS ta’ banek lokali u sussegwentament ġibdu l-flus minn numru ta’ karti ta’ kreditu. Hu mifhum li l-ammont li r-Rumeni allegatament ġibdu jlaħħaq is-sittax-il elf ewro. Silviu Mirica ta’ erbgħa u tletin sena u Emil Alexandru ta’ tletin sena tressqu l-Qorti mixlija bi frodi, ħasil ta’ flus u li kienu involuti fi kriminalità organizzata fost l-oħrajn.
Hu mifhum li permezz ta’ kameras żgħar li waħħlu, allegatament ir-Rumeni kisbu informazzjoni dwar il-pin numbers tal-karti ta’ kreditu biex imbagħad ġibdu l-flus minn madwar tnax-il ATM madwar Malta. Kollox ħareġ fl-beraħ meta persuna rraporta ma’ bank lokali li rċieva messaġġ li kien għadu kif ġibed xi flus meta filfatt ma kien ġibed xejn. Ir-Rumeni ġew arrestati mill-pulizija wara ħidma intensiva u t-tnejn li huma nstabu quddiem ATM jiġbdu l-flus.