Mil-lum il-kumpanija Malta Public Transport bdiet żewġ rotot ġodda li joffru lill-passiġġieri tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, vjaġġar faċli meta jaslu fit-terminal tal-Belt Valletta minn Għawdex.
Fi stqarrija mill-Malta Public Transport intqal kif dawn ir-rotot huma r-rotta 300 u r-rotta X133.
Ir-rotta 300 titlaq mill-waqfa l-ġdida ta’ Lascaris kull għaxar minuti mill-wasla tal-katamaran u tmur qrib il-Junior College, l-Università u l-Isptar Mater Dei.
Filwaqt li r-rotta X133, li se tkun mingħajr ħlas se tmur mill-venda tal-Belt sat-terminal tal-fast ferry.
F’din l-istqarrija ntqal kif il-klijenti jistgħu jużaw it-Tallinja Card tagħhom biex iħallsu għall-vjaġġi tagħhom għaż-żewġ operaturi tal-fast ferry.
Intqal ukoll kif ir-rotta X300 miċ-Ċirkewwa lejn Mater Dei u l-Belt twaqqfet b’mod immedjat, wara l-bidu tas-servizz tal-fast ferry.
Wieħed xorta jista’ jasal iċ-Ċirkewwa bil-vapur tal-Gozo Channel u jmur fost l-oħrajn Mater Dei, l-Università u l-ajruport bir-rotta X1.