Ir-ristoranti Bahia li jinsab Ħal Lija u ION fil-Belt ingħataw il-Michelin Star.
Dawn ingħaqdu mar-ristoranti De Mondion, Under Grain u Noni.
Dan wara li llum il-Michelin ħabbret it-tieni edizzjoni tal-Malta Michelin Guide, li fih elenkat dawk ir-ristoranti li jagħtu servizz eċċellenti, għandhom ħiliet kulinarji u li għandhom ikel fin u bnin madwar il-gżejjer Maltin.
Il-Michelin, li stabbilixiet ruħha fis-seklu 19, ilha għal dawn l-aħħar 120 sena tirrikonoxxi l-aqwa ristoranti madwar id-dinja.
Ir-ristoranti Terrone, Commando u Rubino żammew it-titlu għall-kwalità tajba tat-tisjir.
Filwaqt li r-ristoranti The Fork and Cork, Chophouse, Fernando Gastrotheque, Zest u Mezzodi kienu rikonoxxuti bħala Michelin Plates.
Dan għaliex il-Michelin qal li hawnhekk wieħed jista’ jduq ingredjenti friski u platti tajbin.
Barra minn hekk, ir-ristoranti The Harbour Club, Noni, Briju, De Mondion u Tmun ġew innotati għall-prattiċi sostenibbli li jwettqu.
Dan ir-rikonoxximent huwa marbut mal-Michelin Green Star.
Gwendal Poullennec, id-Direttur Internazzjonali tal-Michelin qal li s-sena li għaddiet kienet ta’ sfida kbira għall-industrija tal-ospitalità.
Huwa fisser kif dawk li jagħmlu l-ispezzjonijiet f’isem il-Michelin kellhom jadattaw.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li minkejja l-pandemija r-ristoranti baqgħu jaħdmu biex jibqgħu joffru ikel ta’ kwalità tajba.
Tenna li l-MTA baqgħet tkun ta’ sostenn għar-ristoranti li jinsabu fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-fatt li għandna ħames ristoranti bi stilla tal-Michelin, juri kemm is-settur tar-ristoranti f’Malta miexi ’l quddiem.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-MTA, Dr Gavin Gulia laqa’ b’sodisfazzjon it-tieni edizzjoni tal-Malta Michelin Guide għaliex din tgħin biex titjieb il-kwalità tar-ristoranti.