Żewġ uffiċjali tal-Pulizija weġġgħu gravi wara li kienu involuti f’inċident għall-ħabta tas-siegħa u nofs tal-Ħadd filgħodu.
L-inċident seħħ fi Triq is-Sorijiet, Ħal Tarxien waqt li l-Pulizija kienu qed jassistu fuq argument li nqala’ fiż-Żurrieq.
Jirriżulta li malli waslu fil-viċinanzi innotaw persuna taħrab minn fuq il-post b’karozza tat-tip BMW. Il-Pulizija kienu qed isegwu l-vettura waqt li ħabtu ma’ karozza tat-tip Fiat 500, misjuqa minn mara ta’ 25 sena residenti Ħal Tarxien.
B’konsegwenza tal-inċident intlaqtu sitt vetturi li kienu pparkjati.
Intant, iż-żewġ Pulizija ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara sofriet minn ġrieħi ħfief.
Fi stqarrija, l-Korp tal-Pulizija qal li qed jiġu mitkellma numru ta’ persuni b’rabta mal-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Ritratt: Times of Malta