Azzjoni f’waqta ta’ żewġt Pulizija stazzjonati fir-Rapid Intervention Unit wasslet biex jiġi salvat anzjan ta’ 62 sena wara li xi ġirien semgħuħ jokrob fir-residenza tiegħu.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar meta is-Surġent Andrea Zahra u l-kollega tiegħu il-Kuntistabbli Terence Sciberras kienu għaddejin bir-ronda tagħhom fit-toroq tas-Siġġiewi. Waqt li kienu għaddejin minn Triq Pietru Mallia waqqfuhom xi nies u spjegawlhom kif kienu ilhom ma jaraw lil wieħed mill-ġirien tagħhom għal madwar ħamest ijiem, u li semgħu xi krib ġej mir-residenza tiegħu.
Immedjatament dawn iż-żewġt Pulizija ħadu azzjoni billi bdew jipruvaw jgħajjtu lill-individwu biex jgħamlu kuntatt miegħu. Hekk kif raw li dan l-anzjan mhux jirrispondihom, bl-għajnuna tal-Pulizija Distrettwali daħlu mingħand wieħed mill-ġirien u kisbu aċċess għall-bitħa tal-anzjan billi qabżu l-btieħi permezz ta’ sellum.
Propju kif daħlu fir-residenza, il-Pulizija rnexxielhom isibu lill-anzjan li kien mixħut mal-art jokrob għall-għajnuna f’qgħada medika ħażina ħafna. Hawn huma tawh l-ewwel għajnuna u assistewh f’dak kollhu li kellu bżonn.
Kien għalhekk li mingħajr telf ta’ ħin il-Pulizija talbu għall-assistenza medika u ambulanza li ġiet fuq il-post ħadet lill-anzjan l-Sptar Mater Dei għal-kura neċessarja.
Din l-azzjoni, deskritta minn ħafna bħala att erojku f’ waqtu wasslet biex dan l-anzjan jeħlisa minn ħalq il-mewt u jingħata l-għajnuna medika neċessarja.