Kollaborazzjoni bejn Malta u t-Turkija, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, se tara l-finanzjament ta’ żewġ proġetti ta’ riċerka li se jġibu flimkien riċerkaturi minn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kunsill ta’ Riċerka Xjentifika u Teknoloġika tat-Turkija (TÜBITAK) se jallokaw €400,000 għall-finanzjament ta’ proġetti fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ilma u l-agrikoltura fost oħrajn. Dan se jsir taħt il-kappa tal-Programm tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Mediterran (PRIMA) li jgħaqqad flimkien 19-il pajjiż fir-Reġjun tal-Mediterran għat-tisħiħ ta’ riċerka u innovazzjoni f’setturi partikolari.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 intqal li PRIMA huwa l-iktar programm ambizzjuż li qed isir fil-kuntest tal-koperazzjoni Ewro Mediterranja bil-għan li tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma
Is-sejħa għal din l-inizjattiva tnediet fl-1 ta’ Marzu u se tagħlaq fis-17 ta’ Ġunju. Intant, iż-żewġ awtoritajiet bħalissa għaddejjin b’taħditiet tekniċi bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn in-naħat rispettivi.
F’kollegament virtwali l-Ministru Owen Bonnici faħħar il-ħidma li bdiet fl-aħħar xhur u li qed issir bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk tat-Turkija biex issir din il-kollaborazzjoni importanti. Huwa qal li l-isfera Mediterranja hija importanti ħafna għall-pajjiżna u bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti se tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u t-Turkija.
Dr Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti r-riċerkaturi u l-innovaturi taż-żewġ pajjiżi se jibbenefikaw għaliex b’hekk isaħħu mhux biss l-għarfien xjentifiku imma anke fejn jidħol in-networking. B’hekk ikunu jistgħu jkomplu jikkollaboraw f’sejħiet oħra differenti tal-programm PRIMA.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Dr Jeffrey Pullicino Orlando, irrimarka kif il-Kunsill qed jaħdem favur it-tisħiħ tal-portafoll internazzjonali tiegħu biex riċerkaturi lokali jkomplu javvanzaw fil-qasam rispettiv tagħhom permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ msieħba internazzjonali. Dr Pullicino Orlando tenna li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija jikkopera b’mod strateġiku ma’ pajjiżi oħra biex jassigura li l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet rispettivi fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni qed jiġu indirizzati.
Dr Pullicino Orlando laqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u TÜBITAK.