Permezz ta’ għajnuna finanzjarja ta’ madwar €220,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar, saru xogħlijiet ta’ tisbiħ fi Pjazza Madonna ta’ Fatima, fil-Pietà u fil-Kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġieżù fil-Belt, li jmur lura għas-seklu sittax.
L-ewwel ġebla ta’ dan il-kunvent tqiegħdet fl-1575, għaxar snin wara l-Assedju l-Kbir u b’hekk kien hemm bżonn ta’ manutenzjoni li qarrbet it-€43,000. Jingħad li l-faċċata ta’ din il-binja saret mill-Arkitett Ġlormu Cassar kif kienet id-drawwa f’dawk iż-żminijiet meta kienet qed tinbena l-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, spjega li permezz ta’ fondi bħal dawn qed isiru diversi proġetti li bihom qed jissaħħaħ l-ambjent urban għat-tgawdija tal-komunità.
“Il-kunċett huwa wieħed, li nkomplu nsaħħu l-komunitajiet ta’ madwarna. Huma żoni urbani fejn in-nies jgħixu u ta’ fejn in-nies jaħdmu u allura dawn iż-żewġ proġetti hawnhekk fil-Pietà u l-ieħor fil-Belt Valletta huma intenzjonati biex isebbħu u jemeljoraw il-ħajja tan-nies.”
Il-proġett tal-Pietà jinkludi aċċess aktar faċli għal nies bi bżonnijiet speċjali, flimkien ma’ faċilità għal ħażna tal-ilma tax-xita għat-tisqija, kif ukoll sistema ta’ dawl ġdida.
Is-Sindku tal Pietà, Keith Tanti spjega li l-Gvern u l-awtoritajiet qed jaħdmu għal għan wieħed, lejn kwalità ta’ ħajja aħjar fi spazji miftuħa għall-komunità.
“Il-lokal tagħna l-ewwel nett huwa nieqes mill-open spaces fil-fatt fejn qegħdin illum fi Pjazza Madonna ta’ Fatima huwa wieħed mill-open spaces. Aħna bħala kunsill, bħala tmexxija tal-kunsill lokali ridna nagħtu dehra ġdida għalhekk din il-pjazza nbniet mill-ġdid.”
Iċ-Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar, il-Perit Vincent Cassar, tkellem dwar l-obbligu li mhux biss jiġi ssalvagwardjat il-wirt kulturali imma anki r-responsabbiltà li jkun hawn spazji miftuħa fejn ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jintegraw u jibnu relazzjonijiet aħjar permezz ta’ proġetti bħal dawn.