Bħalissa qed jinġibdu żewġ produzzjonijiet f’pajjiżna, waħda minnhom qed tinħadem f’Għawdex.
Iż-żewġ produzzjonijiet qegħdin iħallu aktar minn tliet miljun ewro fl-ekonomija Maltija u min jipproduċi f’pajjiżna jingħata inċetiv f’cash rebate.
Il-produzzjonijiet huma waħda ta’ reality show fl-Iżvezja u serje Ingliża.
Il-produtturi ta’ dawn iż-żewġ produzzjonijiet qegħdin jużaw numru ta’ postijiet f’pajjiżna, fejn fost dawn hemm Villa f’Għawdex, Binġemma, il-Miżieb u l-bajja tar-Riveria.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech qal li b’kollox dawn il-produzzjonijiet ser joħolqu madwar mitt opportunità ta’ xogħol f’ din l-industrija li qed tkompli tikber.
Il-Kummissarju tal-Films spjega ukoll kif pajjiżna qegħed jattira produzzjonijiet minn swieqi ġodda u bħala medja, il-produzzjonijiet qed idumu mal-erbgħin jum jinħadmu f’pajjiżna.
Qal, “Bħalissa għandna żewġ produzzjonijiet, waħda f’Għawdex u oħra f’Malta. Dan ifisser li qed nikrejaw aktar xogħol f’din l-industrija. Irridu noħolqu industrija sostennibli fejn kulħadd igawdi minnha”
Fi żjara fuq is-sett, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif il-viżjoni tal-Gvern għall-industrija tal-filma hija li Malta tibqa’ tiġbed produzzjonijiet matul is-sena kollha u b’hekk tiġi megħluba l-istaġonalità f’din l-industrija.