Silvio Apap u Brenda Mallia huma żewġ persuni li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li l-Ħadd filgħodu ħarġu mill-erba’ ħitan li jdawru ċ-ċella tagħhom u ltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Bażilika tar-Rabat.
Iż-żewġ priġunieri tkellmu ma’ ONE News dwar il-mument meta saru jafu li se jkollhom opportunità ta’ darba biex jiltaqgħu mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku.
Qalet, “Kien hemm il-Maġġura għajtet tliet ismijiet u jien kont waħda minnhom u għidt madoffi x’ġara biex għajtet lilna t-tlieta? Imbagħad ħaditna ġo kamra u iktar ħsibna ħażin u x’ħin qaltilna li għandna l-opportunità li niltaqgħu ma’ Papa Franġisku, wow.”
Apap qal,“Aħna bagħat għalina s-Sir Randolph u qalilna li ħa niltaqgħu mal-Papa, aħna minn sitt mija, jiġifieri ffurtunati.”
Brenda apprezzat il-fatt li t-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva, uriet fiduċja fiha u qatgħatilha xewqtha ta’ tfulitha.
Qalet, “Li tawni l-fiduċja wkoll biżżejjed u bżajt għaliha u rrid nibża’ għaliha għal meta noħroġ.”
Silvio spjegalna l-mument meta ra lill-Papa Franġisku fil-Bażilika tar-Rabat.
Apap qal, “Aħna wasalna qabel imbagħad ħareġ minn magħna eżatt il-Papa u hu u ħiereġ eżatt magħna għadda jiġifieri rajnih kif qegħdin jiena u inti bħalissa.”
It-tnejn qalulna li din hija ġurnata li mhu se jinsew qatt u se tibqa’ mnaqqxa fil-memorja tagħhom tul ħajjithom kollha.
Mallia qalet, “Aħna konna avżati li la mmissuh u lanqas ngħannquh però jien ġo moħħi u ġo qalbi għidt, irrid immisslu jdejh u rnexxielu jiġifieri anki l-post qgħadt attenta kif ħa nagħżlu u rnexxieli mmisslu jdejh u vera ferħana.”
Apap qal, “Niftakarha żgur. Biex ngħidlek il-verità, meta kont tfal mort il-Vatikan u ma rajtux, issa qiegħed fil-Faċilità u ġie hu għalija.”