Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq żewġ pitturi kbar, li jżejnu l-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir f’Tas-Sliema fis-snin erbgħin, fi proġett li sewa b’kollox mal-€110,000 b’ko-finanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Ix-xogħlijiet ġew inawgurati mill-Isqof Joseph Galea Curmi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett.
F’dan il-proġett ta’ restawr li fih taw sehemhom ukoll il-parruċċani ta’ Tas-Sliema, tnaddfu l-pitturi, tnaqqas l-ammont ta’ melħ minn fuq is-saff tal-ġebla, sar il-kisi protettiv meħtieġ u ngħalqu konsenturi li kien hemm.
L-ewwel pittura fl-Apside hi magħmula bi sfond ta’ induratura taż-żejt applikata direttament fuq l-appoġġ tal-ġebel u turi lil Kristu u żewġ anġli. Il-pittura l-oħra, li tinsab wara l-artal, hi tila mwaħħla mal-ħajt li turi xena mill-ħajja ta’ San Girgor il-Kbir.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett rrimarka li dan il-Gvern hu kommess li jibqa’ jtejjeb il-kompetittività ta’ pajjiżna fis-settur tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ assi naturali, kulturali u storiċi, li huma maħsuba biex itejbu aktar l-esperjenza tat-turiżmu kulturali Malti.
Qal, “Dawn il-proġetti ġejjin mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew li għandu parametri oġġettivi ħafna, għandu mira ċara li rridu naraw li permezz ta’ dawn il-proġetti nippriservaw il-kultura tal-pajjiż, però bl-element turistiku wkoll.”
Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Galea Curmi sostna li kull proġett ta’ restawr hu ċelebrazzjoni tas-sbuħija, filwaqt li jippromwovi l-apprezzament għas-sbuħija fis-soċjetà Maltija.
Stqarr, “F’okkażjoni bħal din nagħrfu kemm hu importani li aħna l-patrimonju li għandna nħarsuh u li nagħmlu permezz ta’ dan ir-restawr li qed nagħmlu llum, iċ-ċelebrazzjoni ta’ dak li huwa sabiħ.”