Matul is-serata tas-Sibt fi New York, l-Istati Uniti, żewġ persuni tilfu ħajjithom, u minn tal-inqas 19-il persuna oħra sfaw midruba, hekk kif il-bastiment Messikan Cuauhtémoc, li jintuża għat-taħriġ min-Navy Messikana, baqgħet dieħla fi Brooklyn Bridge.
Minn l-aħħar informazzjoni, il-bastiment li kellu abbord fuqu madwar 277 persuna, tilef l-elettriku, u għaldaqstant, din wasslet sabiex il-Kaptan tilef il-kontroll tal-bastiment, b’riżultat li dan żveja u ħa d-direzzjoni tal-pont tant popolari f’East River.
Minn filmati uffiċċjali, mill-kmamar tal-aħbarijiet, kif ukoll minn fuq il-midja soċjali mingħand nies li kienu preżenti fix-xatt ta’ fejn sar dan l-inċident, ilkoll juru membri tal-ekwipaġġ iżommu mal-parti ta’ fuq tal-bastiment li ġġarfet, hekk kif l-aktar biċċa għolja tal-bastiment inqasmet u ċediet; u dan filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ kienu qegħdin fuq din l-istess ponta għolja.
In-nies preżenti ddeskrivew ix-xena bħala surreali, filwaqt li ħalliet klima ta’ ġenn, tensjoni, u paniku fil-belt ta’ New York.