Ilbieraħ filgħaxija, żewġ persuni ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta wara li nqabdu fl-Għerien Ta’ Maria fil-limiti tal-Imġarr, minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tal-baħar.
Stqarrija mill-Forzi Armati qalet li ċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ irċieva s-sejħa għall-għajnuna permezz ta’ telefonata fuq in-numru 112.
L-AFM, flimkien ma’ membri mill-Korp tal-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili marru fil-pront fuq il-post.
Fl-operazzjoni ta’ salvataġġ, iż-żewġ persuni ttieħdu lejn ix-xatt u ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku. Minn hemmhekk huwa ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei.
F’din l-istqarrija, l-Forzi Armati ħeġġet lill-pubbliku sabiex jevita riskji bla bżonn.
Sadanittant, dwar dan il-każ kiteb fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li sostna li f’mumenti bħal dawn jissarfu l-investimenti li qegħdin isiru biex il-Korpi Dixxiplinati jkunu jistgħu jwettqu ħidma bħal din bl-aqwa għodda, li ttihom aktar serħan il-moħħ.