It-Tlieta filgħodu l-Pulizija mistennija tressaq żewġ persuni oħra l-Qorti b’rabta mal-attentat ta’ ‘hold-up’ li sar f’Ħaż-Żabbar nhar it-13 ta’ Novembru li għadda. F’dan l-attentat ta’ ‘hold-up’ minn ħanut bl-isem ta’ ‘Crystal Palace‘ kienu ġew sparati xi tiri permezz ta’ arma tan-nar minn Marcus John Calleja. Huwa tressaq il-Qorti jumejn wara l-każ u nżamm arrestat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mmexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali wasslu biex żewġ persuni oħra ta’ 18 u 21 sena kompliċi f’dan l-attentat ta’ hold-up se jitressqu dalgħodu l-Qorti u mistennija jiġu akkużati b’kompliċita u assoċjazzjoni f’dan l-attentat ta’ ‘hold up.
ONE News hu nfurmat li ż-żewġ persuni li se jitressqu dalgħodu huma minn Ħaż-Żabbar u huma magħrufa mal-Pulizija. Sorsi qrib il-Pulizija żvelaw ma’ one.com.mt li wieħed minn dawn iż-żewġ żgħażagħ huwa wieħed mill-ħames akkużati li taw xebgħa lil Liam Debono nhar it-2 ta’ Novembru li għadda. Debono qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri.
F’ dan il-każ kienu nżammu erba’ persuni ostaġġi kontra r-rieda tagħhom. Fil-jum tas-serqa, tifel ta’ 10 snin ittieħed l-isptar b’urġenza biex jingħata kura minħabba li kien taħt xokk kbir.