Fl-aħħar 24 siegħa żewġ persuni fiequ mill-Covid-19 f’Malta, biex issa t-total ta’ każijiet imfejqa jgħodd l-456. Dawn għandhom bejn l-10 u d-19-il sena, u bejn l-40 u d-49 sena. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li minn 1,017-il test li saru, ħames persuni rriżultaw fil-pożittiv. It-total ta’ każijiet pożittivi f’Malta issa jlaħħaq l-558, u l-każijiet l-attivi bħalissa huma 96. B’kollox f’Malta saru 51,677 test.
Fost il-pazjenti li rriżultaw fil-pożittiv it-Tnejn hemm anzjan ta’ 97 sena li kien qed jinżamm l-isptar Karin Grech li għandu kundizzjonijiet mediċi oħra iżda jinsab f’qagħda stabbli. L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed isegwu wkoll ħaddiema jew pazjenti oħra li setgħu kellhom kuntatt miegħu. Il-Professur Gauci qalet li b’kollox mill-isptar Karin Grech, erba’ persuni rriżultaw fil-pożittiv.
Irriżulta fil-pożittiv ukoll barrani ta’ 58 sena li kellu bżonn imur l-emerġenza għal kundizzjoni mhux relatata mal-Coronavirus. Jidher li dan ma kellux sintomi relatati mal-virus. Maltija ta’ 34 sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa wkoll irriżultat fil-pożittiv. Din sarilha t-test wara li bdiet turi xi sintomi.
Ħaddiema barranija fi sptar, li għandha 24 sena li rriżultat fil-pożittiv ma kelliex sintomi, u nqabdet f’testijiet ta’ rutina li qed isiru. Barrani ieħor ta’ 41 sena rriżulta fil-pożittiv wara li sarlu test f’wieħed miċ-ċentri apposta. Huwa ma kellux sintomi ta’ Covid-19.
Mistoqsija dwar x’pariri qed jingħataw lil persuni b’diżabilità li bilfors għandhom bżonn xi forma ta’ terapija fiżika, il-Professur Gauci wieġbet li dan it-tip ta’ servizz huwa meqjus essenzjali. Filfatt qalet li huwa kruċjali dawn is-servizzi “jibqgħu jingħataw għaliex dawn huma importanti għall-kura tal-pazjenti wkoll. Importanti li meta dawn jingħataw, jintużaw il-mezzi ta’ mitigazzjoni kif qed taraw fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa. Importanti li meta wieħed iżur klinika privata juża l-maskra jew il-visor biex nipproteġu l-ħaddiema tas-saħħa u dawk li jkunu qed joffru s-servizz.”
Spjegat ukoll li issa li ninsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni fil-pandemija, u n-numru ta’ każijiet issa naqas, l-awtoritajiet se jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni biex tkompli tkun ikkontrollata s-sitwazzjoni. Il-Professur Gauci se tkun qed taġġornana dwar il-każijiet nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, fejn fl-istess ħin anke l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwasslu d-domandi tal-pubbliku.