Il-Pulizija arrestat żewġ passiġġieri u għaddejja bi tfittxija għal żewġ passiġġieri oħra, li fl-ewwel jum tas-sena, ħarbu minn fuq ajruplan li niżel b’emerġenza fil-mitjar Malti.
L-ajruplan tat-Turkish Airlines, telaq minn Istanbul fit-Turkija lejn Marrakesh fil-Marokk, u f’nofs it-triq, passiġġier Marokkin qal lill-ekwipaġġ li kien ma jiflaħx.
Hawnhekk l-ajruplan għamel inżul ta’ emerġenza u dwar dan ġiet infurmata l-Pulizija.
Rapporti fil-midja lokali qalu li waqt li kienu qed joħorġu l-bagalja ta’ dak li kien ma jiflaħx, erba’ passiġġieri abbord qabdu u ħarbu min-naħa ta’ wara l-ajruplan.
Jidher li l-erba’ passiġġieri qabżu mill-ajruplan, hekk kif ma kienx hemm it-taraġ mal-bieb ta’ wara u marru fiż-żona fejn għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fl-ajruport.
Ir-raġel li qal li ma jiflaħx qed jinżamm arrestat ukoll fl-isptar.
AKTAR QABEL: