Imkisser allegat ċirku ta’ traffikar ta’ vetturi lussużi u kummerċjali misruqa, li kien għaddej bejn Sqallija, Malta u l-Libja. Ċirku li permezz tiegħu kienu qed jiġu ittraffikati vetturi b’valur ta’ aktar minn miljun ewro.
Dwar dan it-traffikar, il-Pulizija Taljana qed tinvestiga 40 ruħ fosthom 2 Maltin, Tuneżin, 4 Libjani u 33 Taljan minn tliet ċrieki kriminali differenti.
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija Taljana għamlet għadd ta’ spezzjonijiet u irkuprat lura 31 vettura f’operazzjoni msejħa ‘Coast to Coast’. Il-vetturi kienu lesti sabiex jiġu ttrafikatti lejn Malta u eventwalment jintbagħtu baxx baxx bil-baħar lejn il-Libja.
Filmati ppublikati mill-Pulizija Taljana juru kif fost il-karozzi interċettati t-Tlieta kien hemm tmien karozzi fosthom Lamborghini, 21 trakk tal-kostruzzjoni u mixer tas-siment. Madankollu b’kollox hu mifhum li nsterqu 36 vettura b’valur ta’ aktar minn miljun ewro.
ONE News hu infurmat li fil-passat il-Pulizija Maltija interċettat għadd ta’ karozzi li kienu fi triqithom lejn il-Libja.
Qed jingħad li l-awtoritajiet ilhom jissuspettaw f’dan iċ-ċirku kriminali. Is-suspetti tal-Pulizija Taljana f’dan l-allegat traffikar issaħħu meta interċettat għadd ta’ telefonati bejn Sqallin u Maltin.
F’waħda mill-konversazzjonjiet interċettati, żewġt irġiel, Sqalli u Malti jinstemgħu jiftehmu dwar dan l-allegat traffikar. Fost oħrajn jinstemgħu jiftehmu dwar pagament u ħinijiet. Ingħad li t-traffikar kellu jsir bil-katamaran.
Fil-midja Taljana intqal li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin sa mill-2013, bl-allegat traffikar kien qed issir mill-portijiet ta’ Pozzallo, Augusta, Catania, Palermo, Salerno u Napli.
Fl-operazzjoni ħadu sehem 150 uffiċjal tal-Pulizija li daħlu f’35 propjetà tas-suspettati u qalbu kulma sabu quddiemhom.
Fl-istess operazzjoni l-Pulizija sabet ukoll ‘rifle’, pjanċi tar-reġistrazzjoni u parts tal-karozzi misruqa. Dan flimkien ma’ dokumenti foloz u misruqa.
L-operazzjoni ‘li ilha għaddejja għal bosta xhur, għandha l-għan li tinterċetta attivitajiet kriminali li jsiru bejn il-kosta Taljana u dik ta’ pajjiżi oħra.
ONE News hu infurmat li fis-snin li għaddew kienu diversi l-vetturi li l-Pulizija Maltija rnexxielha tintraċċa fi triqithom lejn il-Libja, permezz tal-Iskwadra tal-Vetturi misruqa mmexxija mill-Ispettur Arthur Mercieca.
Dwar din l-operazzjoni l-Pulizija Maltija tinsab f’kuntatt mal-Pulizija Taljana biex tistabilixxi koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-investigazzjonijiet.