Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi u mara ndarbet ħafif wara li kienu involuti f’argument f’San Pawl il-Baħar.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tan-nofsiegħa fi Triq Ċensu Tanti, f’San Pawl il-Baħar.Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post fejn instabet mara Rumena ta’ 35 sena, residenti San Pawl il-Baħar, mal-art u li kellha xi ġrieħi.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru irriżulta li iżjed qabel kien allegatament seħħ argument bejn tliet irgiel ġo appartament fil-viċin u dan l-argument kompla fit-triq fejn instabet il-mara.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li assista lir-Rumena u lil raġel Libjan ta’ 38 sena, residenti l-Mellieħa, fejn dan tal-aħħar ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief. Bulgaru ta’ 34 sena ukoll sofra ġrieħi ħfief, hekk kif iċċertifikat mill-Poliklinika tal-Mosta.
Il-Libjan qed jinżamm mill-Pulizija sabiex jgħin fl-investigazzjoni li għaddejja dwar dan il-kaz.