Żewġ nisa waħda ta’ 53 sena u oħra ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar tilfu ħajjithom u tnejn oħra, anzjan ta’ 77 sena u tifel ta’ 12-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt f’inċident ikrah li seħħ tard il-Ħadd filgħaxija fid-daħla tal-bypass tal-Imġarr.
Fl-inċident indarbu gravi erba’ persuni oħra fosthom tarbija ta’ sena, tifel ta’ 11-il sena, raġel ta’ 31 sena mill-Mosta u ieħor ta’ 44 sena. Tifel ta’ 10 snin ġarrab ġrieħi ħfief waqt li raġel ta’ 29 sena minn Tas-Sliema ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
L-inċident fatali seħħ fi Triq Buqana għall-ħabta tad-8.30 ta’ filgħaxija meta għal xi raġuni seħħet ħabta frontali bejn żewġ karozzi tal-għamla Audi A1 u oħra tat-tip Maruti 800. Mad-daqqa l-Audi spiċċat f’parti f’gandott mat-triq li qed tinbena mill-ġdid filwaqt li l-Maruti spiċċat fuq bankina f’nofs tat-triq.
Il-vittmi li kienu x-xufier u l-passiġġiera tal-karozza Maruti ġew ċċertifikati mejta fuq il-post. Is-sitt persuni l-oħra, fosthom tifla ttieħdu l-isptar b’xi wħud minnhom ġew iċċertifikati li jinsabu f’qagħda gravi. Jidher li l-inċident seħħ wara li waħda mill-vetturi kienet qed tinstaq wrong way fid-direzzjoni mill-Imġarr lejn ir-roundabout li tagħti għar-Rabat.
Minħabba l-iskala tal-inċident, immedjatament fuq il-post marru numru ta’ ambulanzi b’timijiet mediċi inkluż iż-żewġ tobba tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei Dr. Michael Spiteri u Dr. Jonathan Joslin.
Marru wkoll għadd ta’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjonijiet tax-Xemxija u Ħal Far li ħarġu lin-nies maqbuda fil-vetturi f’operazzjoni li ħadet is-sigħat minħabba li vettura minnhom ġarrbet ħsarat kbar. Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li minħabba x-xokk qawwi li kellha fuqha, waħda mill-feruti telqet minn fuq il-post tal-inċident bil-mixi.
Fi tweet il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Isptar Mater Dei ddikjara inċident maġġuri li fih mietu żewġ persuni u sebgħa oħra ddaħħlu l-isptar. Minn informazzjoni li ksibna jidher li d-Dipartiment tal-Emerġenza jsejjaħ inċident bħala wieħed maġġuri meta jkollok inċident li jħalli aktar minn 5 persuni bi ġrieħi gravi jew serji.
L-isptar Mater Dei appella wkoll lill-pubbliku ġenerali biex jevita milli jmur fid-Dipartiment tal-Emerġenza għalxejn. Dan peress li paramediċi jinsabu għaddejjin bi ġlieda kontra l-ħin biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-persuni li ndarbu fl-inċident.
Intant fuq il-post dehru wkoll bosta esperti tal-qorti li tqabbdu mill-maġistrat tal-Għassa biex jgħinuha fl-inkjesta li nħatret dwar il-każ. Fost dawn l-esperti kien hemm it-tabib Forensiku Dr Mario Scerri.