Żewġ persuni sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann.
Irriżulta li fl-għaxra u kwart tal-Ħamis filgħaxija seħħet ħabta bejn Nissan Qashqai misjuq minn Tork ta’ sebgħa u tletin sena li joqgħod Ħal Qormi u Kia Avella misjuqa minn Malti ta’ tlieta u ħamsin sena mill-Imqabba.
Flimkien mas-sewwieq tal-Kia kien hemm ukoll mara ta’ tlieta u erbgħin sena u żagħżugħ ta’ ħmistax-il sena, it-tnejn li huma mill-Imqabba, li sofrew xi ġrieħi.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Portezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-mara li kienet maqbuda fil-vettura.
Iż-żewġ passiġġiera ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li ż-żewġ sewwieqa ma sofrew l-ebda ġrieħi.