Dalgħodu żewġ ħaddiema ta’ nazzjonalità Sirjana ndarbu wara li waqgħu għoli ta’ bejn żewġ u tliet sulari f’xaft ta’ sit ta’ kostruzzjoni fl-Imrieħel.
Il-ħaddiema ttellgħu minn membri tal-Protezzjoni Ċivili wara li l-inċident seħħ għal ħabta tal-għaxra u nofs fi Triq is-Sebħ, fil-qasam industrijali tal-Imrieħel.
Huma kienu qed jaħdmu fil-parti l-ġdida tal-fabbrika Consolidated Biscuits, li għadha qed tinbena.
Fuq il-post issejħet ambulanza fejn ħadet liż-żewġ persuni l-isptar Mater Dei. Aktar tard ġie ċċertifikat li wieħed qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-ieħor qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-pulizija qed tinvestiga dan il-każ.