Żewġ persuni jinsabu fil-periklu tal-mewt hekk kif kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Il-każ seħħ fi Triq tal-Balal f’San Ġwann għall-ħabta tal-erba’ u nofs ta’ filgħodu.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 30 sena min-Nepal u raġel ieħor li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa, weġġgħu wara li mutur tat-tip Kymco Agility li kienu fuqu kellu impatt ma’ roundabout.
Il-persuni ngħataw kura medika fuq il-post mit-tobba tal-emerġenza fejn imbagħad ittieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura fejn ġew ċċertifikati li sofrew ġrieħi serji.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli.
It-triq għal xi ħin ingħalqet għat-traffiku.