Fl-aħħar sigħat, żewġ persuni fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, u żewġ persuni oħra rriżultaw pożittivi.
It-total ta’ nies imfejqa tela’ għal erba’ mija sitta u tletin, filwaqt li dawk pożittivi mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna huma ħames mija u tmienja. Il-każijiet attivi bħalissa huma sitta u sittin.
Waħda miż-żewġ persuni li fiequ għandha bejn għoxrin u disgħa u għoxrin sena, u l-persuna l-oħra għandha bejn tletin u disgħa u tletin sena.
Iż-żewġ każijiet ġodda rriżultaw minn fost elf mija u tlieta u erbgħin test, u t-tnejn li huma kienu kuntatti ta’ każijiet li rriżultaw pożittivi fl-aħħar jiem.
Dan ifisser li l-virus ma feġġx fil-komunità imma għax dawn iż-żewġ persuni kellhom kuntatt ma’ xi ħadd li kien pożittiv.
Irriżultat pożittiva tfajla ta’ 24 sena li kienet tgħix ma’ xi ħadd li rriżulta pożittiv fl-aħħar jiem. Hija kienet kwarantina, u lbieraħ bdiet bis-sintomi ta’ deni, uġigħ fil-griżmejn, għejja, qtugħ ta’ nifs, uġigħ fil-ġogi u uġigħ ta’ ras.
It-tieni każ huwa ta’ ħaddiema tas-saħħa ta’ tlieta u tletin sena fl-Isptar Karin Grech, li lbieraħ bdiet bis-sintomi ta’ sogħla u uġigħ ta’ ras. Hija ħadmet l-aħħar il-Ġimgħa tmienja ta’ Mejju, u qed isiru t-testijiet mal-membri tal-familja.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat is-sitwazzjoni fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.
Qalet li l-kwarantina mandatorja tagħlaq illum f’nofsillejl, u l-immigranti jistgħu joħorġu minn kwarantina, ħlief erba’ każijiet li kellhom kuntatt mal-aħħar każ fl-ewwel ta’ Mejju.
F’dan iċ-ċentru kien hemm ħamsin każ pożittiv. Minnhom fiequ tlieta u erbgħin, u dawn għadditilhom il-ġimgħa kwarantina ta’ wara l-fejqan. Mis-sebgħa l-oħra, tnejn għadhom attivi, u ħamsa oħra fiequ u qegħdin fil-perjodu ta’ kwarantina.
Is-sitwazzjoni għadha qed tiġi segwita mill-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mal-ħaddiema tal-Malta Red Cross.