Qorti Żvediża kkundannat żewġt irġiel għal sitt snin u disa’ xhur priġunerija b’rabta mal-kwistjoni tal-Falcon Funds. Dan wara li ffrodaw skema tal-pensjonijiet Maltija li kienet wasslet biex eluf ta’ pensjonanti spiċċaw vittmi u nsterqilhom dak kollu li kellhom.
Iż-żewġt irġiel huma Max Serwin li kie jopera f’pajjiżna bl-isem Emil Amir Ingmanson u Afram Georgo.
Il-kumpanija Falcon Funds, li wieħed mid-diretturi tagħha kien l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, kienet kumpanija privata Żvediża li toffri l-pensjoni iżda li l-attività tagħha kienet imnawra b’negozjati oħra mal-kumpanija nkarigata mill-immaniġjar tal-investiment tagħha Temple Asset Management.
Din il-kwistjoni kienet swiet il-Bank of Valletta s-somma ta’ €26,500,000 fi ftehim mal-aġenzija tal-pensjonijiet Żvediża.
Il-fond inkwistjoni kellu €270 miljun fi tfaddil għal 22,000 klijent. Madankollu investigazzjoni mill-awtorità tal-pensjonijiet Żvediża kienet kixfet kif klijenti minn fond separat bdew jiġu trasferiti fil-Falcon Funds b’mod qarrieqi.
Fost l-oħrajn l-investigazzjoni wasslet biex l-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech, flimkien ma żewġ persuni oħra, spiċċa projbit mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, li jkollu pożizzjonijiet approvati għal sentejn.
Max Serwin li kien joqgħod f’appartament f’Tas-Sliema u li kien l-promotur oriġinali tal-kumpanija Falcon Funds qed jinżamm responsabbli li jirritorna miljuni ta’ ewro fi flus kontanti misruqa. Huwa kien attenda madwar 13-il laqgħa tal-bord mad-diretturi tal-kumpanija Falcon Funds. Dan filwaqt li kien waqqaf il-‘Falcon Asset Management’ bil-ħsieb li jieħu kontroll tad-deċiżjonijiet marbuta mal-investiment bil-pensjonijiet.
Dan għalkemm id-deċiżjonijiet kellhom ikunu f’idejn Temple Asset Management, indipendentament mid-diretturi tal-fond. Investigazzjoni minn KPMG kienet sabet kif Serwin kien involut fid-deċiżjonijiet relatati mal-investiment.