Mara u raġel qed jinżammu arrestati wara li kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart, kienu nvoluti f’argument fi Triq il-Kbira f’San Ġiljan li ħalla anzjan midrub.Jidher li anzjan ta’ tnejn u sebgħin sena minn San Ġiljan, mar iwaqqaf żewġ persuni li kienu qed jagħmlu ħsara fuq vettura pparkjata tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Iż-żewġ persuni, li aktar tard ġew identifikati bħala Irlandiż u Spanjola ta’ tlieta u għoxrin sena li jgħixu San Ġiljan, aggredew lill-Malti u ħarbu minn fuq il-post.
L-allegati aggressuri ġew arrestati ftit tal-ħin wara fi Triq Karmnu f’San Ġiljan.
L-anzjan ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-mara u r-raġel qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.