Il-lejl li għadda, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel wara li nqabbdu bil-pussess tad-droga.
Fi stqarrija mill-Pulizija ġie spjegat li waqt rondi ta’ rutina f’Paceville, ġie nnotat bouncer fi stabbiliment fi Triq San Ġorġ jaġixxi b’mod suspettuż.
Il-Pulizija komplew isegwu l-imsemmi persuna fejn f’ħin minnhom segwewh sat-toilets u qabduh filfatt b’erba’ qratas kokaina f’idejh u fl-id l-oħra magna li tgħaddi t-transazzjoni tal-flus.
Fil-kamra kien hemm żewġ persuni oħra, b’wieħed minnhom kien qed jgħaddi l-kard minn fuq fin il-magna tal-flus.
Is-Serb ta’ 21 sena li kien qed jagħmel xogħol ta’ bouncer u li allegatament inqabad filfatt ibigħ id-droga ġie arrestat fuq il-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-magna tal-flus kienet allegatament proprjetà tad-DJ li kien qed idoqq fl-istabbiliment dak il-ħin.
Il-Pulizija proċediet bl-arrest tad-DJ, li huwa Libjan ta’ 34 sena, fejn minn tfittixjiet li saru, fil-pussess tiegħu nstabu magna oħra li tgħaddi t-transazzjonijiet tal-flus, kif ukoll ammont ta’ qratas vojta li lkoll ġew elevati.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.