Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija mis-Sezzjoni tal-klieb arrestat żewġ persuni b’rabta ma’ abbuż mid-droga.
Dan waqt spezzjonijiet li saru f’Paċeville u San Ġiljan.
F’parkeġġ fi Triq San Ġorġ, il-Pulizija nnutaw persuna li bdiet taġixxi b’mod suspettuż u minn tfittxijiet li saru fuqu nstabet borża żgħira bi tliet qratas, suspettata kokaina.
Waqt l-arrest, ir-raġel sar aggressiv u pprova jimbotta lill-uffiċjali u anke pprova jeqred s-sustanza.
Fi Triq Santu Wistin, il-Pulizija nnutaw li fuq mejda, barra stabbiliment, kien hemm raġel jabbuża minn sustanza suspettata droga kokaina.
Malli r-raġel induna bil-preżenza tagħhom ipprova jeħles mis-sustanza, madanakollu huwa ġie arrestat mill-ewwel.
Wara tfittxijiet li saru fuqu nstabu iktar sustanzi, suspettati kokaina, eroina, kannabis u xi pilloli suspettati ecstasy.
Intant waqt ronda fi Triq Dragunara, il-Pulizija lemħu raġel joħroġ jiġri b’mod suspettuż minn vettura.
Wara li waqfuh il-Pulizija nnutaw li l-vettura li kien qed jagħmel użu minnha, kellha l-liċenzja u l-polza tal-assigurazzjoni mhux validi.
Dawn l-ispezzjonijiet wasslu ukoll biex diversi persuni ġew imħarrka fuq ksur ta’ regolamenti oħra, fosthom kontravenzjonijiet tat-traffiku.